Posts

Di Maria-Juventus. Qed jitlesta l-kuntratt

It-telenovela ta’ Angel Di Maria tidher li riesqa lejn it-tmiem tagħha hekk kif ilna mill-Ħadd filgħaxija nisimgħu li l-Arġentin finalment qal ‘iva’ lil Juventus. L-għażla min-naħa ta’ Di Maria saret u issa l-aġenti tiegħu jinsabu f’taħdidiet ma’ Juventus sabiex ilestu l-parti burokratika tat-trasferiment, jiġifieri jħejju l-kuntratt li Di Maria se jiffirma. Nafu li l-burokrazija jaf tieħu ż-żmien u allura hu probabbli li Di Maria, l-istess bħal Pogba, jitħabbar minn Juventus fl-ewwel ġimgħa sħiħa ta’ Lulju, dik li tibda mill-4 ta’ Lulju.

Matthew Scerri

Di Maria: “Għadni nirrifletti”

Intervistat waqt il-programm ‘Playroom’ imxandar fuq ESPN, Angel Di Maria stqarr dan li ġej dwar Juventus: “Huma l-iktar klabb importanti tal-Italja. Juventus huma fost il-klabbs interessati fija. Qed nirrifletti imma bħalissa moħħni fil-vaganzi u l-familja”. Xejn ġdid i domna. L-għidut hu li Juventus għadhom b’cans kbir li jiksbu l-firma tiegħu biss s’issa għad m’hemmx xejn ikkonfermat 100%.

Matthew Scerri

Aġġornament dwar Di Maria

Tard ilbieraħ filgħaxija bdiet tiċċirkola online l-aħbar li Juventus xebgħu jistennew ir-risposta ta’ Di Maria u għażlu li ma jkonplux in-negozjati miegħu. Nafu li Juventus ressqulu offerta li hu qrib ferm dak li hu kien qed jitlob: kuntratt għal sena waħda biss b’paga ta’ 7 miljuni. Ir-risposta definittiva ta’ Di Maria għadha ma waslitx u għalhekk ibieraħ ħarġet din l-aħbar li Juventus qatgħu qalbhom li jiksbu s-servizzi tal-Arġentin. Issa, però, irridu noqogħdu attenti għax din l-istorja kollha jaf tkun biss parti min-narrattiva tal-gazzetti li bħalissa ma tantx għandhom fuq xiex jiktbu u allura jibdew jipotizzaw x’jista’ jiġri bil-għan li jqajmu l-interess tal-qarrejja tagħhom. Fil-fehma tiegħi hu probabbli ferm li Juventus qed imexxu negozjati oħra ma’ plejers oħra (Berardi u Zaniolo) waqt li qed jistennew ir-risposta ta’ Di Maria. Minħabba raġunijiet ovvji, Di Maria jibqa’ l-għażla numru wieħed ta’ Juventus. Hu ovvju wkoll li Juventus ma jistgħux jistennew wisq fit-tul lil Di Maria hekk kif f’Awwissu diġà hemm erba’ partiti tal-kampjonat. Nifhmu li dit-telenovela waslet biex tintemm f’temp ta’ ġimgħa jew tnejn. Li hemm favur Juventus hu li, minn dak li nafu, Di Maria m’għandu ebda offerta oħra minn top club ieħor u allura hu probabbli li jirnexxilhom jiksbu l-firma tal-Arġentin.

Matthew Scerri

Ottimiżmu dwar Di Maria

Illum Angel Di Maria hu mistenni li jagħti r-risposta definittiva tiegħu lil Juventus. F’dal-jiem hu jinsab Ibiza jqatta’ l-btajjel tiegħu u proprju llum mistenni jitkellem mal-aġenti tiegħu dwar il-proposta ta’ Juventus. Jidher li fl-ambjent Juventin hemm ottimiżmu qawwi li Di Maria se jkun qed jaċċetta l-proposta mressqa lilu min-naħa ta’ Juventus. Il-ġimgħa li għaddiet għolliet kemxejn l-offerta tagħha lil Di Maria u hekk kif Barcellona jidhru li mhumiex verament interessati fih, kollox jindika li l-Arġentin se jkun qed jgħid iva lil Juventus.

Matthew Scerri

L-attenzjoni ddur fuq is-suq tat-trasferimenti. Mistennija bidliet radikali fi ħdan it-tim Juventin

Hekk kif il-kampjonat u l-istaġun waslu fi tmiemhom, l-attenzjoni se ddur għal kollox fuq is-suq tat-trasferimenti. Juventus jidhru li qed jaħdmu bla waqfien biex ikun hemm bidla radikali fi ħdan it-tim. Diversi plejers mistennija jitilqu lil Juventus u minflokhom se jinkisbu plejers oħra. It-tir hu li Allegri jkollu tim iktar kompetittiv b’taħlita ta’ plejers maturi u ta’ esperjenza, flimkien ma’ talenti żgħażagħ.

S’issa nafu li Chiellini għażel li ma jkomplix jilgħab għal Juventus. Dybala u Bernardeschi se jitilqu b’għażla ta’ Juventus li ma ġeddewlhomx il-kuntratti tagħhom. Apparti dawn l-aħbarijiet uffiċjali, smajna ħafna għidut li Juventus ma jridux iżommu iktar lil Kean, Arthur, Alex Sandro, Rugani u Ramsey. Mhux faċli, però, li ssib tim lest joħodhom minħabba l-pagi tagħhom u anki għall-fatt li ġejjin minn wirjiet ferm deludenti. Morata, mill-banda l-oħra, hu plejer li Allegri jixtieq iżomm imma Juventus ma jridux iħallsu l-35 miljun Ewro li skont il-ftehim ta’ sentejn ilu l-Bianconeri għandhom iħallsu biex jixtru lill-iSpanjol għal kollox. L-indikazzjonijiet huma li Juventus se joffru 15-il miljun Ewro lil Atletico Madrid għal Morata, biss l-Ispanjoli għalissa ma jidhrux disposti jinżlu inqas minn 25 miljun.

Mhux ċert il-futur ta’ Rabiot, Pellegrini u McKennie. It-tlieta li huma jistgħu jibqgħu ma’ Juventus anki s-sena d-dieħla, biss jekk tasal offerta tajba għalihom, Juventus x’aktarx ikunu lesti li jbigħuhom. Mhux magħruf anki x’se tkun l-istrateġija ta’ Juventus dwar Rovella, Miretti, Fagioli u Ranocchia. Diffiċli li jibqgħu kollha ma’ Juventus, imma mhux eskluż li xi ħadd minnhom jingħata l-opportunità li jkun parti mit-tim ta’ Allegri.

Niġu issa għall-akkwisti l-ġodda. Qed jissemmew b’saħħa tliet plejers li għandhom il-kuntratt li se jiskadi ftit tal-ġimgħat oħra mat-timijiet rispettivi: Di Maria, Pogba u Perisic. Skont il-gazzetti u l-websites tal-futbol, Di Maria u Pogba diġà aċċettaw l-offerta li saritilhom minn Juventus. S’issa, però, m’hemm ebda firma fuq xi kuntratt u allura mhux eskluż li jista’ jkun hemm xi u-turn mill-plejers inkwistjoni. Perisic ukoll jidher qrib li jingħaqad ma’ Juventus, għalkemm il-partijiet għadhom jiddiskutu d-dettalji tal-ftehim. Fid-difiża qed jissemma bdil bejn Acerbi u Rugani. Barra minn hekk Atalanta x’aktarx mhux se jixtru għal kollox lil Demiral u allura probabbli li Juventus se jkunu jistgħu jżommu flimkien ma’ Gatti li nxtara f’Jannar.

Matthew Scerri