Posts

Tliet plejers imsemmija minflok Alex Sandro

Alex Sandro fadallu sena kuntratt u żgur li l-kuntratt tiegħu mhux se jkun imġedded. Illum mingħajr dubju hu l-punt l-aktar dgħajjef tat-tim Juventini. Qed ikun irrapurtat li Juventus lesti jneħħuh immedjatament għalkemm mhux faċli minħabba li għandu paga ta’ 6 miljuni. Jekk jirnexxilhom isibulu tim ġdid, l-eredi tiegħu mistenni jkun wieħed bejn Destiny Udogie (Udinese), David Raum (Hoffenheim) jew Emerson Palmier (Chelsea). Udogie ilu jiġi msemmi u hu żgur l-aqwa talent Taljan f’dik il-pożizzjoni. Emerson Palmier ilu jiġi msemmi snin ma’ Juventus u jidher li hu plejer li anki hu qabad xi ftit jew wisq it-triq tan-niżla. Raum, imbagħad, hu isem ġdid. Għandu esperjenza vasta fil-Bundesliga u bħal ħafna plejers Ġermaniżi jabbina saħħa fiżika ma’ teknika tajba. Ta’ min jgħid, fl-aħħar, li l-akkwist ta’ wieħed minn dawn it-tlieta jista’ jkun possibbli anki jekk Sandro jibqa’ sena oħra ma’ Juventus. Nafu li Pellegrini għandu diversi offerti u jista’ jkun li Juventus ibigħuh biex jixtru full-back xellugi ġdid, b’Sandro jkun ir-riserva tiegħu.

Matthew Scerri

Chelsea f’diffikultà enormi. Emerson u Jorginho msemmija ma’ Juventus

Chelsea għaddejjin minn mument tassew diffiċli hemm kif l-awtoritajiet tar-Renju Unit qed jieħdu passi drastiċi fil-konfront ta’ Roman Abramovic u ta’ ħafna biljunarji Russi li jgħixu fl-Ingilterra. L-assi ta’ Abramovic jinsabu ffriżati u ovvjament hemm riperkussjonijiet kbar anki fuq Chelsea hekk kif sar magħruf li l-bank Barclays bblokkja saħansitra l-kont ta’ Chelsea. Kellu rapporti li minħabba l-miżuri l-klabb ta’ Chelsea bħalissa lanqas jista’ jinbigħ u saħansitra l-klabb lanqas biss ibigħ il-biljetti tal-partiti. Is-sitwazzjoni, għaldaqstant, tant hi mwiegħra li hemm periklu kbir li Chelsea qed jirriskjaw il-falliment. Bħalissa għaddejjin spekulazzjonijiet kbar li l-plejers ta’ Chelsea se jkunu mingħajr kuntratt minn hawn u ftit tax-xhur oħra minħabba l-qagħda tal-klabb. Juventus huma interessati f’Emerson Palmieri u Jorginho. Plejers oħra ta’ Chelsea għandhom pagi fenomentali li Juventus ma jaffordjawx. Nafu, però, li ż-żewġ plejers Taljani ilhom snin fil-mira ta’ Juventus u jistgħu jingħaqdu ma’ Juventus biex jieħdu post Arthur u Alex Sandro.

Matthew Scerri

Emerson Palmieri: “L-affarijiet iridu jinbidlu”

Emerson Palmieri reġà tenna li jinsab kemxejn imdejjaq li mhux qed jilgħab wisq ma’ Chelsea u esprima x-xewqa tiegħu li l-affarijiet jinbidlu għalih. “Irrid nilgħab b’mod regolari, ma’ Chelsea jew inkella ma’ tim ieħor,” qal Emerson Palmieri. Hu żied li jixtieq jirritorna fil-kampjonat tas-Serie A biss qal li bħalissa ma jistax jgħid jekk dan hux se jiġri f’Jannar u ħames snin oħra.

Matthew Scerri

Chelsea lesti jbigħu lil Emerson Palmieri

Il-gazzetta Daily Express qed tirraporta li Chelsea awtorizzaw lill-aġent ta’ Emerson Palmieri biex jinnegozja ma’ klabbs oħra għal trasferiment possibbli f’Jannar. Juventus, Inter u Napoli huma interessati ħafna fih u jista’ jkun li f’Jannar jippruvaw jiksbu s-servizzi tiegħu.

Matthew Scerri