Posts

L-aħbarijiet mis-suq tat-trasferimenti (24 ta’ Mejju)

Is-suq tat-trasferiment qed ikompli jiddomina l-gazzetti, il-website u l-programmi tat-televixin. Dan li ġej hu dak li laqatna matul il-ġurnata tal-lum.

Morata – L-Ispanjol dejjem stqarr li jqis lil Juventus il-familja tiegħu. Nafu li Juventus lesti jżommuh imma mhux se jonfqu l-35 miljun li kienu parti mill-ftehim ma’ Atletico Madrid sentejn ilu. Nafu wkoll li l-istrateġija ta’ Juventus hi li jkomplu jinnegozjaw ma’ Atletico bit-tama li jinżlu mill-prezz għal Morata. Jidher, però, li l-aġent ta’ Morata għadu jitkellem ma’ Barcellona, klabb li f’Jannar kien qrib ħafna li jikseb il-firma ta’ Morata. L-attakkant Spanjol lest imur jilgħab ma’ Barcellona u Atletico Madrid jistgħu jikkuntentawh anki minħabba l-fatt li l-klabbs Spanjoli għad iridu jissetiljaw kollox bejniethom għal Griezmann.

Koulibaly – Fl-aħħar jiem issemma b’ċerta insistenza Koulibaly ma’ Juventus. Kien hemm rapporti, mhux konfermati, li l-aġent tiegħu tkellem ma’ Juventus wara li kellu kuntatti ma’ Barcellona fix-xhur li għaddew. Koulibaly irrifjuta l-offerta ta’ Napoli għall-kuntratt il-ġdid. Il-kuntratt attwali tiegħu jiskadi s-sena d-dieħla u l-għidut hu li Napoli lesti jbigħuh das-sajf għal somma ta’ bejn 30 u 35 miljun Ewro.

Rabiot – Adrien Rabiot spiċċa fil-mira ta’ Chelsea. Il-prezz li qed jitolbu Juventus għalih hu ta’ bejn 15 u 20 miljun Ewro. I-Bianconeri x’aktarx se jkunu lesti jħallu lil Rabiot jitlaq f’każ li taslilhom offerta tajba.

Miretti, Ranocchia u Fagioli – X’se jkun il-futbol ta’ Miretti, Ranocchia u Fagioli s’issa għadu mhux magħrud b’mod uffiċjali. Ix-xnigħat tal-lum huma li Miretti se jibqa’ ma’ Juventus, filwaqt li Ranocchia u Fagioli se jkunu misluf lil xi tim tas-Serie A. Għal Ranocchia qed jissemma interess min-naħa ta’ Udinese. Fagioli spiss issemma ma’ Lazio, biss Juventus x’aktarx jippreferu jisilfuh lil xi tim inqas ikkwotat. Se jkun interessanti naraw kif se jaħdmu l-klabbs wara l-bidliet fir-regolamenti dwar is-self ta’ plejers.

Full-backs – Kulħadd irid li Juventus isibu full-backs ġodda, l-aktar mal-linja x-xellugija fejn Alex Sandro ilu jiddeludi. Spiss issemmew il-full-backs ta’ Udinese, Molina u Udogie. Illum La Stampa qed tirraporta li Juventus jinsabu qrib li jiffinalizzaw l-akkwist ta’ Raoul Bellanova mingħand Cagliari.

Matthew Scerri

X’se jkun il-futur ta’ Morata?

Fil-bidu ta’ Jannar Allegri kien stqarr li Alvaro Morata ġie mgħarraf li se jkollu jibqa’ ma’ Juventus sa tmiem l-istaġun. Nafu li Morata ried imur ma’ Barcellona, biss imbagħad aċċetta li jibqa’ bil-qalb mal-Bianconeri. Issa li Juventus jinsabu tassew qrib li jiffirmaw lil Vlahovic, id-domanda hi: Morata se jibqa’ jew le? L-għidut hu li Barcellona għadhom iriduh u jista’ jkun li Juventus iħalluh jitlaq sabiex jiffrankaw il-paga tiegħu. Anki jekk jibqa’ sa tmiem l-istaġun, f’dan l-istadju hu kważi żgur li fis-sajf Juventus mhux se jixtruh għal kollox u se jibagħtuh lura ma’ Atletico Madrid. F’dax-xenarju kollu, bħas-soltu, ir-rieda tal-plejer se tkun determinanti. Sa fejn nafu aħna Morata hu favur trasferiment ma’ Barcellona u allura mhux ta min jeskludi li l-Ispanjol imur lura f’pajjiżu taħt it-tmexxija ta’ Xavi.

Matthew Scerri

Uffiċjali: Morata se jibqa’ b’self ma’ Juventus

Juventus ħabbru b’mod uffiċjali li ġeddew għal sena oħra s-self ta’ Alvaro Morata mingħand Atletico Madrid. Il-Bianconeri kienu sodisfatti bir-rendiment ta’ Morata fl-istaġun li għadda u għaldaqstant għażlu li jżommuh magħhom għal sena oħra b’self.

Matthew Scerri

Morata: “Ma naf xejn dwar il-futur tiegħi”

Alvaro Morata stqarr li hu ma jaf xejn dwar il-futur tiegħu u li issa moħħu biss fil-Euro2020. Intervistat minn Radio Marca, Morata stqarr li l-aġent tiegħu jinsab għaddej bit-taħdidiet mal-klabbs konċernati u qed jistenna li jkun jaf mingħandu fejn se jilgħab is-sena d-dieħla.

Matthew Scerri

Se jkun imġedded is-self ta’ Morata

Sorsi kemm Taljani kif ukoll Spanjoli qed jirrapurtaw li Alvaro Morata se jibqa’ ma’ Juventus. Is-self tiegħu se jkun imġedded għal sena oħra. Diġà hemm ftehim f’das-sens mis-sena li għaddiet. Il-ħlas hu ta’ 10 miljuni oħra. Fil-jiem li ġejjin Juventus se jkunu qed jiktbu uffiċjalment lil Atletico Madrid biex jgħarrfuhom bid-deċiżjoni tagħhom.

Matthew Scerri

Morata: “Se nibqa’ ma’ Juventus? Mhux dejjem nistgħu nagħżlu”

“Jien plejer professjonali u rrid nagħti kollox sakemm nibqa’ hawn. Kulħadd jaf li li kien għalija nilgħab għal Juventus għal dejjem. Il-futbol, però, hu business u aħna mhux dejjem nistgħu nagħżlu.” Kliem Alvaro Morata fi tmiem Fiorentina-Juventus.

Matthew Scerri

L-aqwa staġun ta’ Morata ma’ Juventus

Dan hu l-aqwa staġun ta’ Alvaro Morata mhux biss f’termini ta’ wirijiet, imma anki fin-numru ta’ gowls li skurja. Fil-fatt fl-2014/15 u fl-2015/16 kien skurja 15 u 12-il gowl rispettivament. Dis-sena diġà skurja 16-il gowl u ovvjament nittamaw li fadallu ħafna iktar x’jiskurja.

Matthew Scerri

Arthur u Morata dubjużi għall-partita kontra Inter

Arthur u Morata jaf ikollhom jitilfu Juventus-Inter. Fil-fatt it-tnejn li huma għandhom sintomi ta’ gastrite u allura jaf mhux se jkunu mija fil-mija f’sikkithom għada. Skont Tuttosport l-indikazzjonijiet huma li Arthur u Morata m’għandhomx il-Covid-19 għalkemm ovvjament se jkun biss l-iswab test tal-lum li se jagħtina ċertezza dwar dan.

Matthew Scerri

Morata jaf ma jibdiex mill-ewwel minuta kontra Sassuolo

Skont Calciomercato.com Alvaro Morata jaf ma jibdiex mill-ewwel minuta kontra Sassuolo. Fil-fatt Pirlo u l-istaff tiegħu ma jridux jirriskjawh kontra Sassuolo bil-possibbiltà jitilfuh għall-partita kontra Inter. Siti oħra qed isostnu li lanqas biss se jkun laħaq irkupra sa nhar il-Ħadd u l-aktar l-aktar se jkun jista’ jilgħab ftit kontra Genoa fil-Coppa Italia nhar l-Erbgħa.

Matthew Scerri