Posts

L-attakk Juventin għadu rebus

Ilna ġimgħat nisimgħu u naqraw ismijiet ta’ attakkanti li jistgħu jingħaqdu ma’ Juventus. S’issa għadna biss b’Vlahovic u Kean bħala attakkanti puri, flimkien ma’ Di Maria u Chiesa (li Allegri stess qal li realistikament se jkun jista’ jagħtu sehmu minn Jannar ‘il quddiem). Das-sajf Juve neħħew lil Dybala u lil Morata, u għaldaqstant it-tim ta’ Allegri għandu bżonn attakkant ieħor.

Bħalissa l-ismijiet li qed isiru huma dawk ta’ Muriel u Depay. Għada l-aġenti ta’ Depay għandhom laqgħa ma’ Barcellona biex forsi jxolju l-kuntratt tal-Olandiż. Irridu ngħidu pero’ li Chelsea qed juru interess f’Aubameyang u qed ikun irrapurtat li Barcellona se jħallu jitlaq wieħed biss bejn Depay u Aubameyang.

Muriel hu l-Alternattiva għal Depay. Il-prezz tiegħu hu ta’ madwar 15-il miljun. Jekk Depay ma jinħallx mill-kuntratt tiegħu ma’ Barcellona, Juventus se jmorru għal Muriel.

Intant qed jerġa’ jissemma li Kean se jitlaq lil Juventus. Dan mhux faċli daqskemm ħafna jaħsbu peress li Kean jinsab misluf mingħand Everton u barra minn hekk Kean hu meqjus bħala hone grown player u allura jaf ikun utli għal Juventus minħabba l-lista taċ-Champions League.

Matthew Scerri

X’qed jingħad dwar is-suq tat-trasferimenti Juventin

L-għidut dwar it-tim Juventin mhu jaqta’ xejn hekk kif is-suq tat-trasferimenti riesaq bil-mod il-mod lejn tmiemu. Fadal bejn wieħed u ieħor tliet ġimgħat u nofs, u jekk s’issa n-negozjati mxew b’pass kajman, issa t-timijiet iridu jibdew jiffinalizzaw l-akkwisti tagħhom. Juventus huma attivi ferm kemm mil-lat ta’ bejgħ ta’ plejers, kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam max-xiri ta’ plejers ġodda.

Il-plejers li probabbli jitilqu lil Juventus huma Rugani u Arthur. It-tnejn li huma għandhom paga għolja u Juventus lesti jneħħuhom peress li huma meqjusa biss bħala riservi ma’ Juventus. Arthur jinsab qrib ħafna li jingħaqad ma’ Valencia b’self. Rugani, mill-banda l-oħra, x’aktarx ikun mibjugħ. Galatasaray qed joffru 10 miljuni għalih, somma li Juventus lesti jaċċettaw. Rugani jinsab anki fil-mira ta’ klabbs Taljani bħal Empoli u Sampodoria, biss dawn mhumiex joffru daqs Galatasaray.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-akkwist, Juventus nafu li qed ifittxu playmaker, plejer max-xellug u attakkant. Nafu li hemm ftehim kemm ma’ Kostic kif ukoll ma’ Paredes, bil-plejers diġà aċċettaw l-offerta mressqa lilhom minn Juventus. Jonqos issa li Juventus jilħqu ftehim mal-klabb rispettiv tagħhom. Dwar l-attakkant hemm ħafna iktar inċertezza. Issemmew diversi plejers, b’Morata dejjem ikun indikat bħala l-favorit nett, għalkemm fil-verità Atletico ma tantx jidhru disposti jitilquh minn idejhom. Attakkanti oħra li qed jissemmew bħalissa huma: Muriel u Raspadori. Fl-aħħar tajjeb ngħidu li jekk verament jitlaq Rugani, hu probabbli li Juventus jixtru difensur ieħor, b’Milinkovic ta’ Fiorentina jkun il-kandidat prinċipali.

Matthew Scerri

Ikomplu l-kuntatti ta’ Juventus ma’ diversi attakkanti

Mhu jieqaf xejn l-għidut dwar l-akkwist ta’ attakkant ġdid min-naħa ta’ Juventus. Fl-aħħar sigħat l-ispekulazzjonijiet kienu marbutin l-iktar ma’ tliet plejers li jilagħbu fis-Serie A: Muriel, Mertens u Raspadori. Allegatament Juventus għamlu kuntatti ma’ dawn it-tliet plejers bil-għan li jitkixxfu sew dwar x’possibiltajiet hemm li jiksbuhom.

L-attakkant Kolombjan ta’ Atalanta hu plejer li ilu jissemma. Fil-bidu jidher li Atalanta riedu 20 miljun għalih, biss issa x’aktarx jinsabu disposti jaċċettaw 12-il miljun għalih, somma li jeħtieġu biex jixtru lil Pinamonti.

Mertens, mill-banda l-oħra, hu free agent. Diversi klabbs offrewlu kuntratt u fost dawn hemm anki Juventus. S’issa ma nafux eżattament kemm Juventus offrewlu. Hemm imma indikazzjonijiet li l-offerta Bianconera għal Mertens hi waħda għolja.

Fl-aħħar nett, Raspadori. Sa jumejn ilu kollox kien jindika li Raspadori se jingħaqad ma’ Napoli. Biss ilbieraħ filgħaxija jidher li Juventus għamlu kuntatt mal-aġent tiegħu u ffissaw appuntament ma’ Sassuolo. L-għan ta’ Juventus, dejjem skont dan l-għidut, hu li jaqbżu lil Napoli u jiksbu l-firma tal-attakkant Taljan.

Matthew Scerri