Posts

Min jista’ jitlaq min-nofs il-grawnd Juventin

Diversi plejers fin-nofs il-grawnd ta’ Juventus mhumiex ċerti li finalment se jibqgħu tassew ma’ Juventus. Nafu li Rabiot mhux se jkun qed jingħaqad ma’ Manchester United. Juventus kienu qed jittamaw li jbigħuh sabiex jagħmlu l-wisa’ għal Leandro Paredes. Il-midfielder ta’ PSG hu objettiv ewlieni biex jissaħħaħ nofs il-grawnd ta’ Juventus u għaldaqstant jista’ jkun li, f’każ ta’ offerta tajba, Juventus jagħżlu li jbigħu lil Zakaria jew McKennie bil-għan li jkunu jistgħu jiffirmaw lil Paredes. Fil-verità s’issa ma nafux li kien hemm offerti tajbin wisq għat-tnejn li huma, għalkemm spiss smajna li Tottenham huma interessati ferm f’McKennie. Barra minn hekk it-tnejn li huma s’issa urew li jgawdu mill-fiduċja sħiħa ta’ Allegri. ta’ min isemmi mbagħad li hemm Arthur, plejer li mhuwiex fil-pjanijiet ta’ Allegri, imma jiswa wisq għall-ftit klabbs li urew l-interess li jiksbu s-servizzi tiegħu. F’dan l-istadju kollox jindika li Arthur mhux se jkun jista’ jitlaq lil Juventus das-sajf, dejjem sakemm ma tinqalax xi offerta xi ftit jew wisq konvenjenti għal kulħadd fl-aħħar jiem tas-suq tat-trasferimenti.

F’dak li għandu x’jaqsam maż-żgħar, l-indikazzjonijiet huma li l-plejer li l-aktar ikkonvinċa lil Allegri hu Miretti. Fagioli wkoll mistenni jibqa’ ma’ Juventus, għalkemm Cremonese u Sampdoria kemm-il darba ħabbtu l-bieb ta’ Juventus biex jiksbu lill-midfielder Taljan b’self. Rovella, imbagħad, hu dejjem iktar probabbli li jingħaqad b’self ma’ Monza.

Matthew Scerri

Il-ġimgħa ta’ Paredes u Depay?

Ħafna qed ibassru li dil-ġimgħa Juventus se jkunu qed jiskbu lil Paredes u lil Depay biex isaħħu n-nofs il-grawnd u l-attakk tagħhom. Mat-tnejn li huma allegatament hemm qbil fuq kollox. Depay bħalissa qed jinnegozja ma’ Barcellona sabiex il-kuntratt tiegħu ikun itterminat qabel iż-żmien. Ladarba l-ftehim ma’ Barcellona jkun instab, Depay ikun jista’ jmur Turin għat-testijiet mediċi u l-firma tal-kuntratt ma’ Juventus. Paredes, mill-banda l-oħra, ilbieraħ għamilha ċara pubblikament li jrid jingħaqad ma’ Juventus hekk kif fuq is-social media tella’ ritratt tiegħu qed jara l-partita Juventus-Sassuolo. Barra minn hekk Galtier stqarr ftit tal-jiem ilu li Paredes x’aktarx jitlaq lil PSG minħabba li jrid jilgħab iktar. Juventus qed jiddiskutu ma’ PSG wara li allegatament diġà qablu fuq kollox ma’ Paredes innifsu. Juventus iriduh b’self għal sena bid-dritt jew l-obbligu li jixtruh għal kollox is-sena d-dieħla. PSG jidhru disposti li jikkuntentaw kemm lil Paredes kif ukoll lil Juventus. Fil-fatt Paredes hu wieħed mill-ħafna plejers fl-iskwadra tagħhom li PSG qed jikkunsidraw bħala ‘żejda’ u mhux indispensabbli għat-tim. Ovvjament Juventus qed jittamaw li Rabiot jinbigħ lil Manchester United biex b’hekk ikunu jistgħu jagħmlu l-wisa’ għall-akkwist ta’ Paredes.

Matthew Scerri

X’qed jingħad dwar is-suq tat-trasferimenti Juventin

L-għidut dwar it-tim Juventin mhu jaqta’ xejn hekk kif is-suq tat-trasferimenti riesaq bil-mod il-mod lejn tmiemu. Fadal bejn wieħed u ieħor tliet ġimgħat u nofs, u jekk s’issa n-negozjati mxew b’pass kajman, issa t-timijiet iridu jibdew jiffinalizzaw l-akkwisti tagħhom. Juventus huma attivi ferm kemm mil-lat ta’ bejgħ ta’ plejers, kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam max-xiri ta’ plejers ġodda.

Il-plejers li probabbli jitilqu lil Juventus huma Rugani u Arthur. It-tnejn li huma għandhom paga għolja u Juventus lesti jneħħuhom peress li huma meqjusa biss bħala riservi ma’ Juventus. Arthur jinsab qrib ħafna li jingħaqad ma’ Valencia b’self. Rugani, mill-banda l-oħra, x’aktarx ikun mibjugħ. Galatasaray qed joffru 10 miljuni għalih, somma li Juventus lesti jaċċettaw. Rugani jinsab anki fil-mira ta’ klabbs Taljani bħal Empoli u Sampodoria, biss dawn mhumiex joffru daqs Galatasaray.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-akkwist, Juventus nafu li qed ifittxu playmaker, plejer max-xellug u attakkant. Nafu li hemm ftehim kemm ma’ Kostic kif ukoll ma’ Paredes, bil-plejers diġà aċċettaw l-offerta mressqa lilhom minn Juventus. Jonqos issa li Juventus jilħqu ftehim mal-klabb rispettiv tagħhom. Dwar l-attakkant hemm ħafna iktar inċertezza. Issemmew diversi plejers, b’Morata dejjem ikun indikat bħala l-favorit nett, għalkemm fil-verità Atletico ma tantx jidhru disposti jitilquh minn idejhom. Attakkanti oħra li qed jissemmew bħalissa huma: Muriel u Raspadori. Fl-aħħar tajjeb ngħidu li jekk verament jitlaq Rugani, hu probabbli li Juventus jixtru difensur ieħor, b’Milinkovic ta’ Fiorentina jkun il-kandidat prinċipali.

Matthew Scerri

Interess qawwi f’Paredes min-naħa ta’ Juventus

Hu fatt magħruf li Juventus iridu lil Paredes biex ikun il-mutur tagħhom f’nofs il-grawnd. Bl-injury ta’ Pogba, jista’ jkun li Juventus iħaffu jiffirmaw lil Paredes. Qed jissemma bdil ma’ Rabiot, għalkemm mhux eskluż li Juventus jinvestu somma sew biex jiksbu s-servizzi tiegħu bla ma jpartu ma ebda plejer mit-tim tagħhom.

Matthew Scerri