Posts

Anniversarju: 75 sena ilu d-debutt ta’ Piola ma’ Juventus

Bħal-lum 75 sena ilu ddebutta ma’ Juventus il-plejer leġġendarju Silvio Piola. Kien proprju fl-14 ta’ Ottubru 1945, fl-okkażjoni tad-Derby bejn Juventus u Torino, li Piola libes għall-ewwel darba l-flokk ta’ Juventus u skorja minn penalty l-gowl tar-rebħa Bianconera. Piola hu l-plejer li sal-ġurnata tal-lum għandu r-rekord tal-ikbar numru ta’ gowls fil-karriera fis-Serie A. Lagħab u għamel isem għalih innifsu ma’ Pro Vercelli u Lazio. Rebaħ it-Tazza tad-Dinja mal-Italja, kien diversi drabi topscorer tas-Serie A u fl-1945, fl-età ta’ 32 sena, ingħaqad ma’ Juventus wara li ma ridtx jaċċetta l-offerta ta’ Lazio li kienu qed joffrulu biss persentaġġ minn fuq il-qliegħ tagħhom minflok paga fissa. Kif għidna d-debutt tiegħu ma’ Juventus seħħ fl-14 ta’ Ottubru 1945 kontra Torino li lagħab magħhom b’mod mhux uffiċjali fi żmien il-gwerra. Il-partita tad-debutt tiegħu (kontra ‘il Grande Torino’) rat lill-Bianconeri joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1, b’Piola jiskorja l-gowl deċiżiv. Komplessivament fis-sentejn li qatta’ ma’ Juventus, Piola skorja 26 gowl f’57 partita. Ma rebaħx il-kampjonat magħna għax kellu quddiemu t-tim qawwi ta’ Torino. Interessanti li l-aħħar partita tiegħu ma’ Juventus kienet kontra l-eks tim tiegħu Lazio fis-6 ta’ Lulju 1947 (skor finali 3-3).

Matthew Scerri