Posts

Biex nifhmu dak li qed jiġri

M’hemmx paċi għalina s-supporters Juventini u żgur li l-aħbar li Pogba nstab pożittiv għal test antidoping, ħarbtet moħħ kulħadd. Se nippruvaw nirraġunaw ftit bħas-soltu bit-tama li forsi bħala supporters inħossuna ftit inqas mitlufin.

Nibdew minn dak li nafu fiċ-ċert: Pogba kellu jagħmel test antidoping fi tmiem Udinese-Juventus. It-test wassal biex instab li Pogba assuma testosterone sintetiku u allura ġie sospiż minnufih mit-Tribunal Nazzjonali Antidoping fi ħdan il-Coni. Issa se jsiru testijiet ġodda fuq l-istess sample biex tkun konfermata l-pożittivita’ u, jekk verament jiġri hekk, Pogba jkollu jidher quddiem it-Tribunal b’riskju li jkun sospiż sa massimu ta’ erba snin.

Nagħmluha ċara li Juventus mhuma qed jirriskjaw xejn. Hu Pogba biss li jiffaċċja l-konsegwenzi ta’ għemilu.

It-testosterone hu hormone li l-ġisem jipproduċi b’mod naturali. Teżisti forma artifiċjali ta’ testosterone (li tissejjaħ testosterone sintetiku) li tittieħed f’xi terapiji. It-testosterone sintetiku hu meqjus bħala sustanza illeċita peress li fost il-funzjonijiet tagħha hemm dik li tqawwi l-muskolatura tal-ġisem.

Wieħed forsi jsaqsi: la l-ġisem jipproduċi it-testosterone, kif ikun stabbilit li persuna ħadet testosterone sintetiku? Mhux kulħadd jipproduċi l-istess ammont ta’ testosterone u allura l-ewwel ħaġa li ssir hi li jiġi mqabbel il-livell ta’ testosterone ma’ dak tal-epitestoterone fil-ġisem. Jekk ikun hemm żbilanċ bejn it-tnejn fil-ġisem, il-laboratorju jagħmel testijiet ulterjuri għax hu xjentifikament ippruvat li testosterone naturali jkun akkumpanjat minn livell għoli ta’ Carbon-12, filwaqt li testosterone sintetiku jgħolli l-livell ta’ Carbon-13. Jidher proċess kkumplikat imma fil-verita’ hu iktar faċli milli jidher u hu meqjus li min juża t-testosterone sintetiku jinqabad kważi dejjem. Inżidu wkoll li t-testosterone sintetiku jintuża f’xi terapiji iżda mhuwiex la pain killer u wisq inqas iservi biex jikkura l-infjammazzjonijiet.

S’hawn il-fatti. Ngħaddu issa għal xi spekulazzjonijiet jew aħjar aħbarijiet mhux konfermati. La Gazzetta dello Sport qed tirrapporta li Pogba ammetta mal-istaff mediku ta’ Juventus ilbieraħ stess li ħa xi suppliments li ġew rakkomandati lilu minn Professur ibbażat f’Miami li hu jara regolarment. Probabbli fl-Amerka hemm protokolli differenti minn dawk Ewropej u għaldaqstant inħoloq dan id-diżgwid kollu li wassal għall-pożittivita’. Jekk dan kollu huwiex veru nsiru nafuh biss meta tibda tinstema l-kawża u nisimgħu x-xhieda ta’ Pogba.

Ta’ min jgħid ukoll li l-ftehim kollettiv tal-plejers tas-Serie A jagħti d-dritt lil Juventus li jwaqqfulu l-paga. Eventwalment Juventus ikunu jistgħu jieħdu passi biex itemmu l-kuntratt ta’ Pogba.

X’se jiġri ma nafux. Xogħolna mhuwiex li nispekulaw fuq dak li jista’ jiġri. Li hu żgur hu li hu tassew paradossali li l-plejers tal-lum jitħallew jieħdu t-trattamenti u l-mediċini li jridu bil-klabb tagħhom jibqa’ fil-għama. Il-futbol jeħtieġ riformi kbar għax l-investimenti fenomenali li jsiru jirrikjedu tmexxija iktar professjonali u għaqlija bil-għan li jkunu mħarsa l-investimenti.

Matthew Scerri

X’se jiġri issa?

Din ta’ Pogba hi tassew sajjetta fil-bnazzi li xxukkjat lid-dinja Juventina. Pogba se jkun sospiż b’effett immedjat u se jkollu tlett ijiem ċans jitlob li jsiru mill-ġdid it-testijiet fuq is-samples. Jekk ikun ikkonfermat li nstab pożittiv għat-test antidoping, allura Pogba jibqa’ sospiż sakemm jidher quddiem Bord apposta li jrid jevalwa l-każ. Pogba jista’ jeħel sa massimu ta’ sentejn sospensjoni li jitilgħu għal erba’ snin jekk jinstabu provi li hu intenzjonalment ħa sustanzi pprojbiti biex itejjeb il-wirjiet tiegħu.

Matthew Scerri

Pogba allegatament pożittiv għal test antidoping

Ftit tal-minuti ilu, l-aġenzija tal-aħbarijiet Ansa tat l-aħbar li Paul Pogba ttestja pożittiv għal test antidoping li sarlu fi tmiem il-partita kontra Udinese (fejn dakinhar hu lanqas biss kien lagħab). L-aħbar s’issa għadha mhin konfermata mil-Lega Calcio jew min-naħa ta’ Juventus. Semmai hi vera, ikunu jridu jsiru testijiet mill-ġdid fuq is-sample li ttieħdu dakinhar qabel ikollna konferma mija fil-mija li Pogba ħa sustanzi li plejer professjonali ma jistax jieħu.

Matthew Scerri

Xejn gravi għal Pogba u Gatti

Mit-testijiet li sarulhom illum irriżulta li Pogba u Gatti m’għandhom xejn gravi. Ġie eskluż li Pogba sofra xi tip ta’ injury muskolari. Gatti, mill-banda tiegħu, rewa l-għaksa imma anki f’dal-każ m’hemm xejn gravi.

Matthew Scerri

Injury ieħor għal Pogba

Fi tmiem Empoli-Juventus, Allegri ħabbar li Paul Pogba sofra injury ieħor hekk kif ħass fastidju fuq in-naħa ta’ wara ta’ siequ. Fis-sigħat li ġejjin se jsirulu ci testijiet biex it-tobba jifhmu l-entita’ tal-injury tiegħu. Nawgurawlu fejqan ta’ malajr!

Matthew Scerri

Għad trid tittieħed id-deċiżjoni dwar Pogba u Fagioli

Dil-ġimgħa Juventus se jkunu qed jivvjaġġaw lejn l-Amerka fejn se jilagħbu xi partiti ta’ ħbiberija. Minn dak li nafu s’issa jidher li għada trid tieħu d-deċiżjoni dwar jekk Pogba u Fagioli humiex se jmorru l-Amerka. It-tnejn li huma fiequ kompletament mill-injuries tagħhom biss jinsabu f’fażi delikata tat-taħriġ tagħhom. Pogba pereżempju qed juża l-istrutturi tal-JMedical bħala parti mill-programm personalizzat sabiex ikunu tajjeb għal-logħob. Hemm qed ikollu eżerċizzji fuq ir-ramel bil-għan li jikseb iktar stabbilita’ u saħħa muskolari. Fagioli wkoll jeħtieġ joqgħod attent wara li kiser il-collarbone. Hemm indikazzjonijiet li jumejn qabel it-tim kollu jmur l-Amerka se tittieħed id-deċiżjoni definittiva dwar Pogba u Fagioli għandhomx imorru jew inkella jibqgħu l-Italja. M’hemmx xi ngħidu: aħjar nistennew him ftit issa biex ikunu jistgħu jilaghbu dejjem fil-kampjonat. Sogru żejjed issa jaf iwassal għal waqfiet oħra meta jibda l-futbol li jgħodd.

Matthew Scerri

Giuntoli, Pogba u oħrajn fil-Continassa

Il-preseason ta’ Juventus jibda l-ġimgħa d-dieħla, biss il-Continassa diġà bdiet timtela. Ilbieraħ wasal fil-Continassa Paul Pogba li, wara li qatta’ sajf jittrenja waħdu f’Miami, issa mar Turin ġimgħa qabel sħabu bil-għan li jkun mija fil-mija f’sikktu għat-tournament li Juventus se jieħdu sehem fih fl-Amerka fl-aħħar ta’ dax-xahar. Miegħu hemm anki De Sciglio li qed jirkupra minn injury gravi. Hu fadallu xhur biex jidħol lura fl-azzjoni, biss f’dan l-istadju hu importanti li hu jkompli jsegwi l-programm ta’ fiżjoterpija mfassal għalih. Fil-jiem li ġejjin mistennija jaslu fil-Continassa anki Kaio Jorge u Fagioli li huma wkoll qed jirkupraw minn injury.

Apparti l-plejers, fil-Continassa llum deher għall-ewwel darba Cristiano Giuntoli li żar il-faċilitajiet sportivi ta’ Juventus u wara kellu laqgħa privata ma’ Calvo. L-aħbar uffiċjali li Giuntoli ffirma għal Juventus għadha ma ngħatatx biss jidher li hu diġà qed jaħdem għat-tim Juventin biex jibni ġejjieni mill-isbaħ.

Matthew Scerri

Pogba barra mill-azzjoni għall-kumplament tal-istaġun

L-istaġun sfurtunat ta’ Paul Pogba wasal fi tmiemu hekk kif illum kien ikkonfermat li hu sofra injury muskolari f’koxxtu x-xellugija. L-entità tal-injury mhix gravi. Fl-istqarrija ta’ Juventus m’hemm ebda indikazzjoni dwar kemm se jibqa’ barra, biss diversi sorsi qed isostnu li hu se jdum wieqaf minn tal-inqas tliet ġimgħat. Kif kulħadd jaf l-injuries żammew lil Pogba ‘l barra mill-azzjoni prattikament is-sena kollha. Nawgurawlu fejqan ta’ malajr u li s-sena d-dieħla jkun jista’ jpaxxina mill-ġdid bit-talent infinit tiegħu.

Matthew Scerri

Pogba jitħalla barra minħabba raġunijiet dixxiplinari

Pogba ma ġiex mgħajjat għall-partita tal-lejla kontra Friburg minħabba raġunijiet dixxiplinari. Id-deċiżjoni ttieħdet minn Allegri bi qbil mal-klabb wara li Pogba lbieraħ mar tard għall-ikla flimkien ma’ sħabu.

Matthew Scerri

Pogba għadu ma bediex jitħarreġ ma’ sħabu

S’issa għad hemm inċertezza sħiħa dwar meta Paul Pogba se jkun jista’ jidħol lura fl-azzjoni. Sal-lum stess hu ttrenja apparti u ma kienx mal-kumplament ta’ sħabu. Xi gazzetti u siti rrapurtaw li Pogba qiegħed ħafna iktar lura minn kemm kien maħsub u li se ndumu ma’ narawh fl-azzjoni. Gazzetti oħra qed isostnu, però, li kollox miexi skont il-programm imfassal mill-fiżjoterapisti ta’ Juventus. Diffiċli inkunu nafu x’inhi l-verità. Li hu żgur hu li aħna s-supporters konna u għadna nistennewh li narawh jilgħab malajr kemm jista’ jkun, possibbilment fl-ewwel partita tal-2023 ta’ Juventus.

Matthew Scerri