Posts

Il-proġett tas-Super League se jibqa’ għaddej

Permezz ta’ stqarrija konġunta oħra, Juventus, Real Madrid u Barcellona laqgħu b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tat-Tribunal Spanjol li obbligat lill-Uefa twaqqaf kull tip ta’ passi dixxiplinari fil-konfront tat-tnax-il klabb fundatur tas-Super League. Dan jinkludi anki l-ftehim mad-disa’ klabbs li kienu ddikjaraw li mhux se jieħdu sehem f’dil-kompetizzjoni. Jekk l-Uefa tkompli twebbes rasha, se jkollha tħallas penali, apparti li t-Tribunal jista’ jieħu passi oħra. Issa jmiss li l-Qorti ta’ Ġustizzja Ewropea tistabbilixxi jekk hemmx monopolju min-naħa tal-Uefa u, eventwalment, jekk dan imurx kontra l-prinċipji tal-Unjoni Ewropea.

Juventus, Real Madrid u Barcellona stqarrew li l-proġett tas-Super League se jkompli għaddej bi spirtu kollaborattiv u kostruttiv flimkien mal-istakeholders kollha.

Matthew Scerri

Super League. Il-Kummissjoni tal-Appell tal-Uefa mhix se tieħu passi għalissa

Il-Kummissjoni tal-Appell tal-Uefa ħabbret li għalissa mhix se tkun qed tieħu ebda pass dixxiplinari fil-konfront ta’ Juventus, Real Madrid u Barcellona. Il-każ li kien infetaħ twaqqaf għalissa. Il-Kummissjoni kellha tistabilixxi jekk Juventus, Real Madrid u Barcellona kisrux ir-regolamenti tal-Uefa talli waqqfu s-Super League u rrifjutaw li jiddikjaraw li mhux se jikkompetu f’dil-kompetizzjoni. Nafu wkoll li l-ewwel Tribunal ta’ Madrid u wara l-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Iżvizzera bagħtu dokumentazzjoni uffiċjali lill-Uefa li ma jistgħux jittieħdu passi fil-konfront tat-tliet klabbs minħabba li l-kwisjtoni tinsab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. Probabbli hu minħabba f’hekk li l-Kummissjoni tal-Appell kellha twaqqaf kollox għalissa.

Matthew Scerri

Super League. Il-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Iżvizzera jwaqqaf lill-Uefa u lill-Fifa

Wara t-Tribunal Spanjol, issa anki l-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Iżvizzera bagħat dokumentazzjoni uffiċjali li ma tippermettix lill-Uefa u lill-Fifa jieħdu passi dixxiplinari b’rabta mat-twaqqif tas-Super League. Idejn l-Uefa u l-FIFA, minkejja l-ħafna paroli bla sugu ta’ Ceferin, jidhru tassew marbutin.

Matthew Scerri

Super League. Is-sitt klabbs Ingliżi b’ittra għall-klabbs l-oħra

Is-sitt klabbs Ingliżi li ffirmaw il-kuntratt tas-Super League se jkunu qed jibagħtu ittra lill-klabbs l-oħra sabiex f’temp ta’ erba’ ġimgħat tissejjaħ laqgħa li matulha tittieħed id-deċiżjoni li l-kumpanija li huma waqqfu ma tibqax teżisti. S’issa, fil-fatt, il-kumpanija għadha teżisti u hemm rapporti li fil-verità ħadd ma ħareġ mis-Super League minħabba l-penali li jridu jitħallsu. Li kellna s’issa hu biss li disa’ klabbs iddikjaraw li mhux se jikkompetu fis-Super League, biss il-kumpanija għadha teżisti. Jekk sa erba’ ġimgħat oħra l-kumpanija ma tkunx formalment xolta, allura hu probabbli li jinfteħu kawżi legali bis-sitt klabbs tal-Premier League jippruvaw jisfurzaw id il-klabbs l-oħra.

Matthew Scerri

Uefa u Fifa ordnati ma jiħdux passi fil-konfront ta’ Juventus, Real Madrid u Barcellona

El Confidencial żvelat li t-Tribunal ta’ Madrid ordna lill-Uefa u lill-Fifa li ma jittieħdu ebda passi dixxiplinari fil-konfront ta’ Juventus, Real Madrid u Barcellona b’rabta mas-Super League. Bħalissa l-kwistjoni waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u qabel ikollna sentenza definittiva (se jgħaddu bosta snin) ma jistgħu jittieħdu ebda passi dixxiplinari.

Matthew Scerri

Tinfetaħ il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea

Il-kwisjtoni Super League waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. Il-kawża nfetħet wara li Tribunal Spanjol irrefera l-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea li trid tistabilixxi jekk l-Uefa u l-Fifa humiex jiksru l-prinċipji Ewropej ta’ konkorrenza libera. Il-Qorti trid tistabilixxi wkoll jekk l-Uefa u l-Fifa għandhom id-dritt li jostakolaw il-ħolqien ta’ tournaments oħra u jekk hemmx monopolju mill-Uefa u mill-Fifa fl-amministrazzjoni tat-tv rights.

Matthew Scerri

Stqarrija konġunta oħra minn Juventus, Barcellona u Real Madrid

Juventus, Barcellona u Real Madrid ħarġu stqarrija konġunta oħra fejn sostnew li l-Uefa qed tmur kontra dak li stabbiliet il-Qorti Spanjola li ma jistgħux jittieħdu ebda tip ta’ passi kontra l-klabbs li ħolqu s-Super League sakemm ma jkun hemm sentenza definittiva dwar il-każ kollu (sentenza li triq tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea). Huma sostnew li mhux se jaċċettaw pressjonijiet ta’ dat-tip min-naħa tal-Uefa u tennew li l-għan tagħhom hu li jimmodernizzaw il-futbol b’ħidma ta’ ħbiberija mal-Uefa. Il-kwistjoni kollha hi marbuta mal-kunċett ta’ monopolju li l-Uefa bħalissa għandha u li l-klabbs qed jippruvaw jikkumbattu filwaqt li jżommu quddiemhom il-kunċetti ta’ sostenibbiltà u solidarjetà. Fi kliem ieħor huma qed jippruvaw joħolqu sistema fejn it-tmexxija tal-klabbs tkun iktar sostenibbli għax jikber id-dħul, filwaqt li parti sostanzjali mill-flus iġġenerati jmorru biex klabbs żgħar ikunu jistgħu jagħmlu investimenti ikbar milli jistgħu jaffordjaw bħalissa.

Matthew Scerri

L-Uefa tiftaħ inkjesta dwar it-tliet timijiet li għadhom involuti fis-Super League

L-Uefa qabbdet lill-Bord tad-Dixxiplinari sabiex tinvestiga lil Juventus, Real Madrid u Barcellona b’rabta mas-Super League. Huma se jkunu qed jiġbru l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-każ u eventwalment jaraw x’passi għandhom jittieħdu.

Matthew Scerri

Gravina: “Ottimist li se tinstab soluzzjoni”

Fl-aħħar tliet ijiem kellna numru ta’ dikjarazzjonijiet min-naħa tal-President tal-FIGC, Gravina, liema dikjarazzjonijiet xi ftit jew wisq mhux dejjem jaqblu ma’ xulxin. Hu l-ewwel stqarr li jrid ikun medjatur fis-sitwazzjoni ta’ tensjoni bejn Juventus u l-Uefa minħabba s-Super League. Imbagħad, ftit sigħat wara, l-istess Gravina hedded lil Juventus li ma jitħallux jilagħbu fis-Serie A jekk ma jitilqux mis-Super League. Issa lbieraħ, Gravina reġa’ tkellem dwar dis-sitwazzjoni. Hu qal li tkellem ma’ Agnelli u, filwaqt li tenna li r-regoli huma regoli u li hu ma jista’ jħares lejn wiċċ ħadd, fl-istess ħin però sostna li jinsab ottimist li tista’ tinstab soluzzjoni għall-ġid ta’ kulħadd.

Matthew Scerri

Reazzjoni iebsa minn Juventus, Barcellona u Real Madrid għall-ftehim milħuq mill-Uefa mad-disa’ klabbs l-oħra

Juventus, Barcellona u Real Madrid ħarġu stqarrija conġunta wara li d-disa’ klabbs l-oħra fundaturi tas-Super League laħqu ftehim mal-Uefa biex jabbanduna is-Super League. Fl-istqarrija naqra li hu inaċċettabbli li t-12-il klabb fundatur fl-aħħar ġimgħat safa ta’ pressjoni, theddid u offiżi min-naħa ta’ terzi. Dan minkejja li l-Qrati diġa’ qatgħuha li l-Uefa u l-Fifa ma jistgħux jieħdu passi biex iwaqqfu l-inizjattiva tas-Super League. Ġie mtenni li l-proġett twaqqaf bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-problemi li jeżistu fid-dinja tal-futbol. Dal-proġett sar b’rispett lejn l-istrutturi li diġa’ jeżistu u s-Super League se tkun qed tibda biss malli tkun rikonoxxuta mill-Uefa u/jew mill-FIFA. Issemma li parti mid-dħul li se tiġġenera s-Super League kien se jmur biex jiġu megħjuna klabbs oħra.

L-istqarrija ttemm tgħid li t-tliet klabbs lesti jikkunsidraw partijiet mill-proġett tas-Super League u li se jkomplu jaħdmu biex titwaqqaf anki jekk l-Uefa tkompli theddidhom. L-intenzjoni tal-klabbs involuti hu li jkun hemm diskussjoni flimkien mal-Uefa u mal-Fifa, diskussjoni bbażata fuq rispett reċiproku u li tħares is-saltna tad-dritt.

Matthew Scerri