Posts

Tinfetaħ il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea

Il-kwisjtoni Super League waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. Il-kawża nfetħet wara li Tribunal Spanjol irrefera l-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea li trid tistabilixxi jekk l-Uefa u l-Fifa humiex jiksru l-prinċipji Ewropej ta’ konkorrenza libera. Il-Qorti trid tistabilixxi wkoll jekk l-Uefa u l-Fifa għandhom id-dritt li jostakolaw il-ħolqien ta’ tournaments oħra u jekk hemmx monopolju mill-Uefa u mill-Fifa fl-amministrazzjoni tat-tv rights.

Matthew Scerri

Stqarrija konġunta oħra minn Juventus, Barcellona u Real Madrid

Juventus, Barcellona u Real Madrid ħarġu stqarrija konġunta oħra fejn sostnew li l-Uefa qed tmur kontra dak li stabbiliet il-Qorti Spanjola li ma jistgħux jittieħdu ebda tip ta’ passi kontra l-klabbs li ħolqu s-Super League sakemm ma jkun hemm sentenza definittiva dwar il-każ kollu (sentenza li triq tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea). Huma sostnew li mhux se jaċċettaw pressjonijiet ta’ dat-tip min-naħa tal-Uefa u tennew li l-għan tagħhom hu li jimmodernizzaw il-futbol b’ħidma ta’ ħbiberija mal-Uefa. Il-kwistjoni kollha hi marbuta mal-kunċett ta’ monopolju li l-Uefa bħalissa għandha u li l-klabbs qed jippruvaw jikkumbattu filwaqt li jżommu quddiemhom il-kunċetti ta’ sostenibbiltà u solidarjetà. Fi kliem ieħor huma qed jippruvaw joħolqu sistema fejn it-tmexxija tal-klabbs tkun iktar sostenibbli għax jikber id-dħul, filwaqt li parti sostanzjali mill-flus iġġenerati jmorru biex klabbs żgħar ikunu jistgħu jagħmlu investimenti ikbar milli jistgħu jaffordjaw bħalissa.

Matthew Scerri

L-Uefa tiftaħ inkjesta dwar it-tliet timijiet li għadhom involuti fis-Super League

L-Uefa qabbdet lill-Bord tad-Dixxiplinari sabiex tinvestiga lil Juventus, Real Madrid u Barcellona b’rabta mas-Super League. Huma se jkunu qed jiġbru l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-każ u eventwalment jaraw x’passi għandhom jittieħdu.

Matthew Scerri

Gravina: “Ottimist li se tinstab soluzzjoni”

Fl-aħħar tliet ijiem kellna numru ta’ dikjarazzjonijiet min-naħa tal-President tal-FIGC, Gravina, liema dikjarazzjonijiet xi ftit jew wisq mhux dejjem jaqblu ma’ xulxin. Hu l-ewwel stqarr li jrid ikun medjatur fis-sitwazzjoni ta’ tensjoni bejn Juventus u l-Uefa minħabba s-Super League. Imbagħad, ftit sigħat wara, l-istess Gravina hedded lil Juventus li ma jitħallux jilagħbu fis-Serie A jekk ma jitilqux mis-Super League. Issa lbieraħ, Gravina reġa’ tkellem dwar dis-sitwazzjoni. Hu qal li tkellem ma’ Agnelli u, filwaqt li tenna li r-regoli huma regoli u li hu ma jista’ jħares lejn wiċċ ħadd, fl-istess ħin però sostna li jinsab ottimist li tista’ tinstab soluzzjoni għall-ġid ta’ kulħadd.

Matthew Scerri

Reazzjoni iebsa minn Juventus, Barcellona u Real Madrid għall-ftehim milħuq mill-Uefa mad-disa’ klabbs l-oħra

Juventus, Barcellona u Real Madrid ħarġu stqarrija conġunta wara li d-disa’ klabbs l-oħra fundaturi tas-Super League laħqu ftehim mal-Uefa biex jabbanduna is-Super League. Fl-istqarrija naqra li hu inaċċettabbli li t-12-il klabb fundatur fl-aħħar ġimgħat safa ta’ pressjoni, theddid u offiżi min-naħa ta’ terzi. Dan minkejja li l-Qrati diġa’ qatgħuha li l-Uefa u l-Fifa ma jistgħux jieħdu passi biex iwaqqfu l-inizjattiva tas-Super League. Ġie mtenni li l-proġett twaqqaf bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-problemi li jeżistu fid-dinja tal-futbol. Dal-proġett sar b’rispett lejn l-istrutturi li diġa’ jeżistu u s-Super League se tkun qed tibda biss malli tkun rikonoxxuta mill-Uefa u/jew mill-FIFA. Issemma li parti mid-dħul li se tiġġenera s-Super League kien se jmur biex jiġu megħjuna klabbs oħra.

L-istqarrija ttemm tgħid li t-tliet klabbs lesti jikkunsidraw partijiet mill-proġett tas-Super League u li se jkomplu jaħdmu biex titwaqqaf anki jekk l-Uefa tkompli theddidhom. L-intenzjoni tal-klabbs involuti hu li jkun hemm diskussjoni flimkien mal-Uefa u mal-Fifa, diskussjoni bbażata fuq rispett reċiproku u li tħares is-saltna tad-dritt.

Matthew Scerri

Disgħa mit-tnax-il tim fundatur tas-Super League jilħqu ftehim mal-Uefa

L-Uefa ħabbret li ntlaħaq ftehim ma’ disgħa mit-tnax-il klabb fundatur tas-Super League u qed tirriserva d-dritt li tieħu passi dixxiplinari fil-konfront tat-timijiet li s’issa għadhom ma ħarġux mis-Super League (Juventus, Real Madrid u Barcellona). Id-disa’ timijiet aċċettaw li jħallsu 15-il miljun kull wieħed, liema flus se jiġu investiti mill-Uefa fin-nurseries. Barra minn hekk, għal staġun wieħed biss, kull klabb se jingħata mill-Uefa 5% inqas mid-dħul li suppost ikun intitolat għalih għas-sehem fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Il-klabbs intrabtu wkoll li jħallsu 100 miljun Ewro jekk jilagħbu f’kompetizzjoni bħas-Super League jew 50 miljun Ewro jekk jiksbu xi punt ieħor tal-ftehim mal-Uefa. Tajjeb ngħidu li permezz ta’ dal-ftehim is-Super League m’għadhiex teżisti iktar peress li skont l-istatut tat-twaqqif tagħha, is-Super League tiġi xolta malli disgħa mit-tnax-il klabb fundatur jiddeċidu li jabbadunaw dil-kompetizzjoni.

Matthew Scerri

L-Uefa ma tistax tieħu passi kontra t-timijiet fundaturi tas-Super League

Tard ilbieraħ ESPN irrapurtaw li Juventus, Barcellona, Real Madrid, Inter u Milan kienu qed jirriskjaw li jiġu esklużi għal sentejn mill-kompetizzjonijiet Ewropej bħala kastig talli formalment għadhom jagħmlu parti mis-Super League (Inter però jidhru li jinsabu qrib li jilħqu ftehim biex joħorġu mis-Super League). Jidher imma li dan il-pass dixxiplinari ma jistax jittieħed mill-Uefa hekk kif hemm sentenza ta’ Qorti f’Madrid li torbot idejn il-Uefa u ma tħallihomx jieħu passi kontra l-klabbs fundaturi. Dis-sentenza tgħodd anki fl-Iżvizzera (fejn hemm il-Kwartieri Ġenerali tal-Uefa) minħabba ftehim bilaterali bejn il-pajjiżi.

Matthew Scerri

Infantino jċanfar lil Ceferin u jappella biex ma jkunx hemm sanzjonijiet għall-fundaturi tas-Super League

Il-President tal-Fifa, Gianni Infantino ta intervista lil L’Equipe fejn kellu kliem iebes fil-konfront tal-Uefa u ta’ Ceferin. Sostna li m’għandhom jittieħdu passi fil-konfront tat-tnax-il tim li waqqaf is-Super League. Skontu s-sanzjonijiet jaf ikollhom riperkussjonijiet kbar u xi ħadd irid iġorr eventwalment ir-responsabbiltà tagħhom. Qal ukoll li jekk jittieħdu passi kontra t-timijiet konċernati, jintlaqtu l-plejers,  il-kowċis u l-partitarji li m’għandhom ebda ħtija. Żied li ma jagħmilx sens li wieħed jiddikjara gwerra lill-klabbs il-kbar f’perjodu ta’ pandemija. Ma naqsitx anki ċanfira għal Ceferin. Fil-fatt Infantino qal: “Il-kap tal-futbol Ewropew għandu jsaqsi lilu nnifsu għalfejn wasalna f’dal-punt.” Insomma Infantino jidher li għandu pożizzjoni kompletament differenti minn ta’ Ceferin. Hu jrid li jġib l-għaqda mill-ġdid u sabiex dan l-għan jintlaħaq, xi ħadd irid joħroġ l-id tal-ħbiberija.

Matthew Scerri

Ceferin: “Se jkun hemm konsegwenzi għat-tnax li huma”

Nhar il-Ġimgħa l-Eżekuttiv tal-Uefa ddeċieda li ma jittieħdu ebda passi fil-konfront tat-12-il tim fundatur tal-European Super League. Fl-istqarrija li ħarġet l-Uefa hemm miktub li l-Eżekuttiv għad irid jara x’se jiġri fil-futur dwar dil-kwistjoni. Illum Ceferin ta intervista lil Daily Mail. Fi kliemu se jkun hemm konsegwenzi għat-12-il tim. Kulħadd se jħallas t’għemilu eventwalment għax kulħadd hu responsabbli f’din l-istorja. Ceferin sostna li fl-opinjoni t-tnax-il tim iridu jinqasmu fi tliet gruppi: (i) il-klabbs Ingliżi li ħarġu mill-ewwel; (ii) Atletico Madrid, Inter u Milan li telqu wara; u (iii) Juventus, Real Madrid u Barcellona.

Matthew Scerri

11-il klabb tas-Serie A jitolbu passi kontra Juventus, Inter u Milan. L-Uefa tagħmel pressjoni wkoll

Ħdax-il klabb tas-Serie A talbu uffiċjalment li jittieħdu passi fil-konfront ta’ Juventus, Inter u Milan talli waqqfu s-Super League. Il-klabbs li ressqu dit-talba huma: Roma, Torino, Bologna, Genoa, Sampdoria, Sassuolo, Spezia, Benevento, Crotone, Parma u Cagliari.

Intant qed ikun hemm allegazzjonijiet (li għaldaqstant mhumiex ikkonfermati) li l-Uefa qed titlob lill-FIGC li uffiċċjali ta’ Juventus, Milan u Inter ma jkunux iktar qed jiffurmaw parti mill-Kumitat Eżekuttiv tal-istess Federazzjoni. L-iktar wieħed li qed jirriskja bħalissa hu Marotta li hu membru fl-Eżekuttiv u li x’aktarx se jkun qed iċedi postu. Allegatament, l-Uefa mhix lesti tinnegozja xejn issa u fil-futur mal-FIGC jekk fl-istrutturi tagħhom ikun hemm rappreżentanti ta’ Juventus, Inter u Milan.

Matthew Scerri