Posts

L-avukati tal-Uefa jidħlu fl-azzjoni! Plejers esklużi mit-timijiet nazzjonali

F’dawn is-sigħat l-avukati tal-Uefa qed jaħdmu sabiex isibu l-bażi legali ħalli Real Madrid, Manchester City, Chelsea u Manchester United ikunu mkeċċija b’mod immedjat mill-edizzjoni ta’ dis-sena taċ-Champions League u tal-Europa League. Dan ħabbru Ceferin stess. Issa rridu naraw verament kemm se jkun legalment possibbli għall-Uefa li jwettqu dak li heddu.

Intant Ceferin stess stqarr ukoll li l-plejers tat-timijiet tas-Super League mhux se jkunu jistgħu jilagħbu għal pajjiżhom fit-Tazza tad-Dinja u fil-Kampjonat Ewropew għan-Nazzjonijiet.

Matthew Scerri

Daqt jiltaqgħu l-Presidenti tal-klabbs tas-Serie A. Juventus, Milan u Inter mhux mistiedna

Minn hawn u ftit tal-minuti oħra se jiltaqgħu l-Presidenti tal-klabbs tas-Serie A sabiex jiddiskutu t-twaqqif tas-Super League. Għal-laqgħa ma ġewx mistiedna Juventus, Inter u Milan li huma fost il-fundaturi tas-Super League. Nafu li l-Lega Calcio u l-FIGC qed jheddu li t-tliet timijiet jiġu esklużi mill-kampjonat Taljan. Skont La Repubblica Cagliari, Verona u Atalanta diġà talbu li Juventus, Inter u Milan jiġu esklużi immedjatament mill-kampjonat Taljan u mill-Coppa Italia. Issa rridu naraw x’se jkun deċiż. Ovvjament tajjeb infakkru li s-Super League twaqqfet bil-għan li tieħu post il-kompetizzjonijiet Ewropej biss. Fil-pjanijiet tal-fundaturi tas-Super League hemm li jkomplu jilagħbu fil-kampjonati domestiċi.

Matthew Scerri

Għal ħafna hu tradiment, imma …

Il-proġett tal-European Super League ilu jinħema bil-moħbi tal-Federazzjoni u tal-Uefa. Fix-xhur li għaddew kien hemm diversi laqgħat li raw lil Andrea Agnelli involut direttament. F’Settembru li għadda Andrea Agnelli u Zhang kienu marru f’Casa Milan biex uffiċjalment jitkellmu dwar strateġija komuni għas-Serie A. Probabbli imma li l-klabbs kienu qed jiftehmu bejniethom biex jieħdu sehem fis-Super League. Fid-19 ta’ Jannar li għadda, imbagħad, Florentino Perez kellu laqgħa ta’ tliet sigħat ma’ Andrea Agnelli fil-Continassa. Ħafna qed iqisu dik il-laqgħa bħala waħda deċiżiva biex titwaqqaf is-Super League.

Andrea Agnelli f’dawn is-sigħat qed ikun fiċ-ċentru tal-kritika ta’ dawk li huma kontra s-Super League. Fil-fatt hu, bħala President tal-ECA, kien qed jinnegozja mal-Uefa l-format il-ġdid taċ-Champions League wara l-2024. Andrea Agnelli għandu rabta ta’ ħbiberija personali mal-President tal-Uefa, Ceferin, tant li dan tal-aħħar kien il-parrinu tal-magħmudija ta’ bint Agnelli. Ħafna qed iqisu dan kollu bħala tradiment min-naħa ta’ Agnelli. Barra minn hekk skont xi esperti jista’ jkun ukoll li Juventus, Inter u Milan jaf kienu kontra li l-investiment funds Cvc-Advent-Fsi jiksbu 10% tas-Serie A proprju minħabba klawżola fil-kuntratt li ma kinitx tippermetti lill-klabbs li jieħdu sehem f’proġetti simili għas-Super League.

Tradiment, egoiżmu u ħafna termini negattivi oħra ntużaw fl-aħħar sigħat b’rabta mas-Super League. Il-mudell hu dak tal-business sportive Amerikan tipo l-NBA. Mudell li fl-Ewropa m’aħniex imdorrija bih u filwaqt li nifhem li kulħadd għandu idea kemxejn romantika tal-futbol, forsi wasal iż-żmien li nifhmu li l-klabbs jeħtieġu jibdlu dak kollu li tradizzjonalment drajna bih u li wassal biex il-klabbs il-kbar kollha jinsabu midjunin. Ma setax jibqa’ kollox kif kien qabel għax il-klabbs kienu bil-mod il-mod resqin lejn falliment finanzjarju. Forsi tajjeb li ndaħħlu f’rasna li aktar milli mossa egoistika, din hi fil-verità mossa biex jiġu salvati l-klabbs.

Matthew Scerri

3.5 biljun Ewro se jinqasmu bejn it-timijiet li se jieħdu sehem fis-Super League

Fl-istqarrija li Juventus ħarġu b’rabta mat-twaqqif tal-European Super League nsibu dettalji interessanti li juruna x’se jkun il-futur tal-kampjonati domestiċi u Ewropej. Fil-fatt hemm miktub li l-klabbs se jibqgħu jikkompetu fil-kampjonati domestiċi u anki, sakemm jibdew il-partiti tas-Super League, fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Fi kliem ieħor la darba tibda s-Super League, it-tnax-il tim mhux se jkunu qed jibqgħu jieħdu sehem iktar fiċ-Champions League u fl-Europa League.

It-tnax-il tim fundatur se jkunu qed iwaqqfu kumpanija li se torganizza l-kompetizzjoni. Għal dal-fini kull klabb se jkun qed joħroġ somma ta’ 2 miljuni (liema somma tista’ eventwalment titla’ għal 8 miljun iktar ‘il quddiem). La darba titwaqqaf il-kumpanija u jinbigħu t-tv rights, jiġu ffirmati l-kuntratti ta’ sponsorships u kwistjonijiet finanzjarji oħra, se jkun hemm somma ta’ 3.5 biljun Ewro li se titqassam bejn il-klabbs li se jieħdu sehem fil-kompetizzjoni.

Fil-pjanijiet tal-klabbs fundaturi hemm il-pjan li s-Super League tibda mill-aktar fis posibbli. Fl-istqarrija ta’ Juventus naqraw li l-klabbs fundaturi jixtiequ jaħdmu mal-FIFA u mal-Uefa, biss jekk dan mhux se jkun possibbli, allura lesti jirrikorru għall-qrati biex iħarsu l-interessi tagħhom.

Matthew Scerri

Il-format tal-European Super League

Ġew żvelati d-dettalji tal-format tal-European Super League. B’kollox se jkun hemm 20 klabb li se jipparteċipa fil-kompetizzjoni. Ħmistax-il klabb, li se jkunu msejħa l-Fundaturi, se jkollhom posthom garantit kull sena. Il-ħames klabbs l-oħra se jinbidlu kull sena skont ir-riżultati li jkunu inkisbu fl-istaġun ta’ qabel.

Il-partiti tal-European Super League se jintlagħbu fost il-ġimgħa biex hekk it-timijiet ikunu jistgħu xorta waħda jibqgħu jikkompetu fil-kampjonati domestiċi.

Jidher li l-ewwel edizzjoni se tibda f’Awwissu li ġej. Il-klabbs se jkunu naqsuma f’żewġ gruppi ta’ 10 timijiet kull wieħed. It-timijiet f’kull grupp se jilagħbu kontra xulxin f’partiti home u away. L-ewwel tliet timijiet f’kull grupp jgħaddu mbagħad għall-fażi knock-out bil-Finali tintlagħab f’Mejju.

Matthew Scerri

U issa se jkollu jieqaf kollox?

Il-futbol Ewropew jinsab fi stat ta’ paniku totali hekk kif tħabbar uffiċjalment it-twaqqif tal-European Super League. Ilbieraħ waranofsinhar kellna l-istqarrija konġunta tal-Uefa u l-Federazzjonijiet tal-Italja, l-Ingilterra u Spanja. Stqarrija uffiċjali li heddet li se jittieħed kull pass, kemm fil-qrati kif ukoll mil-lat sportiv, kontra t-timijiet li se jingħaqdu f’dal-proġett. F’dik l-istqarrija hemm miktub li t-timijiet konċernati se jiġu esklużi mill-kompetizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali. F’das-sens hemm ħafna spekulazzjonijiet dwar dak li se jiġri f’dawn il-ġimgħat. L-għidut hu li saħanistra jistgħu jieqfu kemm iċ-Champions League kif ukoll l-Europa League. Barra minn hekk hemm anki xnigħat li l-FIGC mhix se tirrikonoxxi lil Inter bħala r-rebbieħa tal-kampjonat għal dis-sena. Nifhmu li se tibda battalja legali li jaf iddum is-snin. Nittamaw li kollox imur b’wiċċ u li finalment jirbaħ is-sens komun fuq kull pika.

Matthew Scerri

Juventus fost it-tnax-il-klabb fundatur tal-European Super League

Tnax-il klabb, il-krema tal-futbol Ewropew, waqqfu l-European Super League. It-tnax-il klabb huma: Juventus Football Club S.p.A., Associazione Calcio Milan S.p.A., Arsenal Holdings Limited, Club Atlético de Madrid S.A.D., Chelsea Football Club Limited, Football Club Barcelona, F.C. Internazionale Milano S.p.A., The Liverpool Football Club and Athletic Grounds Limited, Manchester City Football Club Limited, Manchester United Football Club Limited, Real Madrid Club de Futbol u Tottenham Hotspur Limited.

L-aħbar hi waħda uffiċjali u fil-website ta’ Juventus insibu l-istqarrija tal-klabb Juventin. Dawn it-tnax-il tim se jkunu qed jikkompetu f’kompetizzjoni ġdida li se tara massimu ta’ 20 parteċipant. Mat-tnax-il klabb imsemmi mistennija jiżdiedu tliet klabbs kbar oħra mix-xena Ewropea biex b’hekk ikun hemm grupp ta’ 15-il klabb fundatur tal-kompetizzjoni li se jkollhom posthom garantit kull sena. Il-ħames klabbs l-oħra se jintgħażlu kull sena fuq il-bażi ta’ parametri li għad iridu jitħabbru.

Matthew Scerri