Posts

Il-Fifa u l-Uefa jissospendu lit-tim nazzjonali u l-klabbs Russi

It-tim nazzjonali Russu mhux se jitħalla jilgħab fil-Play-Offs tat-Tazza tad-Dinja filwaqt li l-Uefa ssospendiet lill-uniku klabb Russu li attwalment jinsab impenjat fil-kompetizzjonijiet Ewropej: Spartak Moscow li qed jilgħab fl-Europa League. It-tim nazzjonali Russu u l-klabbs Russi huma sospiżi mill-kompetizzjonijiet kollha tal-Fifa u tal-Uefa mil-lum ‘il quddiem sakemm jinħareġ avviż ieħor. Id-deċiżjoni ttieħdet b’rabta mal-guerra fl-Ukrajna.

Matthew Scerri

Stqarrija konġunta oħra minn Juventus, Barcellona u Real Madrid

Juventus, Barcellona u Real Madrid ħarġu stqarrija konġunta oħra fejn sostnew li l-Uefa qed tmur kontra dak li stabbiliet il-Qorti Spanjola li ma jistgħux jittieħdu ebda tip ta’ passi kontra l-klabbs li ħolqu s-Super League sakemm ma jkun hemm sentenza definittiva dwar il-każ kollu (sentenza li triq tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea). Huma sostnew li mhux se jaċċettaw pressjonijiet ta’ dat-tip min-naħa tal-Uefa u tennew li l-għan tagħhom hu li jimmodernizzaw il-futbol b’ħidma ta’ ħbiberija mal-Uefa. Il-kwistjoni kollha hi marbuta mal-kunċett ta’ monopolju li l-Uefa bħalissa għandha u li l-klabbs qed jippruvaw jikkumbattu filwaqt li jżommu quddiemhom il-kunċetti ta’ sostenibbiltà u solidarjetà. Fi kliem ieħor huma qed jippruvaw joħolqu sistema fejn it-tmexxija tal-klabbs tkun iktar sostenibbli għax jikber id-dħul, filwaqt li parti sostanzjali mill-flus iġġenerati jmorru biex klabbs żgħar ikunu jistgħu jagħmlu investimenti ikbar milli jistgħu jaffordjaw bħalissa.

Matthew Scerri

L-Uefa tiftaħ inkjesta dwar it-tliet timijiet li għadhom involuti fis-Super League

L-Uefa qabbdet lill-Bord tad-Dixxiplinari sabiex tinvestiga lil Juventus, Real Madrid u Barcellona b’rabta mas-Super League. Huma se jkunu qed jiġbru l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-każ u eventwalment jaraw x’passi għandhom jittieħdu.

Matthew Scerri

Disgħa mit-tnax-il tim fundatur tas-Super League jilħqu ftehim mal-Uefa

L-Uefa ħabbret li ntlaħaq ftehim ma’ disgħa mit-tnax-il klabb fundatur tas-Super League u qed tirriserva d-dritt li tieħu passi dixxiplinari fil-konfront tat-timijiet li s’issa għadhom ma ħarġux mis-Super League (Juventus, Real Madrid u Barcellona). Id-disa’ timijiet aċċettaw li jħallsu 15-il miljun kull wieħed, liema flus se jiġu investiti mill-Uefa fin-nurseries. Barra minn hekk, għal staġun wieħed biss, kull klabb se jingħata mill-Uefa 5% inqas mid-dħul li suppost ikun intitolat għalih għas-sehem fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Il-klabbs intrabtu wkoll li jħallsu 100 miljun Ewro jekk jilagħbu f’kompetizzjoni bħas-Super League jew 50 miljun Ewro jekk jiksbu xi punt ieħor tal-ftehim mal-Uefa. Tajjeb ngħidu li permezz ta’ dal-ftehim is-Super League m’għadhiex teżisti iktar peress li skont l-istatut tat-twaqqif tagħha, is-Super League tiġi xolta malli disgħa mit-tnax-il klabb fundatur jiddeċidu li jabbadunaw dil-kompetizzjoni.

Matthew Scerri

Tibda l-gwerra bejn l-Uefa u t-timijiet li jridu jiffurmaw is-Super League

L-Uefa b’mod konġunt mal-Federazzjonijiet tal-Ingilterra, tal-Italija u ta’ Spanja, ħarġet stqarrija iebsa immens fil-konfront tat-timijiet li qed jippjanaw li jiffurmaw Super League. Il-pjanijiet huma li t-timijiet il-kbar tal-Ewropa (fil-każ tal-Italja hemm imsemmija Juventus, Inter u Milan) jibdew jilagħbu f’kampjonat bejniethom. L-Uefa u l-Federazzjonijiet qed jheddu li t-timijiet li jingħaqdu fis-Super League jiġu esklużi mill-kompetizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali li tradizzjonalment jiġu organizzati. Barra minn hekk, skont Il Corriere della Sera, l-Uefa lesta tiftaħ kawża fejn se titlob lit-timijiet li jiffurmaw is-Super League l-ħlas ta’ 50 biljun Ewro f’danni.

Matthew Scerri

Inkjesta dwar swab tests fi ħdan it-tim ta’ Lazio

Immobile, Strakosha u Leiva llejla mhux qed jilagħbu għal Lazio fiċ-Champions League. Fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa kien hemm dibattitu sħiħ dwarhom. Fil-fatt ilbieraħ għamlu swab tests quddiem uffiċċjali mqabbda mill-Uefa u rriżultaw pożittiv. Ftit minuti wara t-tobba ta’ Lazio għamlulhom swab tests oħra li taw riżultat negattiv. L-Uefa ma ħallithomx jilagħbu u qed tinvestiga l-każ. L-FIGC ordnat inkjesta wkoll sabiex ikun aċċertat li l-iswab tests fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kienu regolari. Intant huma jidhru li se jkunu jistgħu jilagħbu kontra Juventus nhar il-Ħadd, dejjem jekk fil-jiem li ġejjin ma jittestjawx pożittivi mill-ġdid. Tajjeb infakkru wkoll li fl-aħħar għaxart ijiem Lazio kienu milquta sew mill-każijiet ta’ Covid.

Matthew Scerri