Posts

Inċertezza sħiħa dwar il-kowċis tat-timijiet tas-Serie A

Dis-sena se jkun hemm taqlib kbir fis-Serie A. Il-klabbs il-kbar se jkunu qed jibdlu l-kowċ. L-uniku wieħed li jidher ċert li se jżomm postu hu Pioli ta’ Milan. L-oħrajn kollha jidhru li se jkunu qed jiġu mibdula. Fl-aħħar sigħat ħarġet l-aħbar li saħansitra Conte se jkun qed jitlaq lil Inter. S’issa għad m’hemmx indikazzjonijiet min se jkun il-kowċ il-ġdid ta’ kull tim. Fiorentina biss ħabbru l-kowċ il-ġdid tagħhom: Gattuso, li ftit tal-jiem ilu deher qrib ħafna ta’ Juventus. Il-post ta’ Pirlo bħalissa jidher li se jittieħed minn Allegri jew Zidane. Dawn huma biss xnigħat u kif għidna kollox jista’ jinbidel minn mument għall-ieħor.

Matthew Scerri

Ikompli l-għidut li Pirlo se jitneħħa minn kowċ ta’ Juventus

Issa li spiċċa l-kampjonat, id-domanda fuq fomm kulħadd hi: Pirlo se jibqa’ kowċ ta’ Juventus? S’issa ma nafu xejn preċiż għalkemm l-għidut hu li Pirlo mhux se jkun ikkonfermat. Hemm anki xnigħat, mhux konfermati, li dalgħodu Pirlo ġie mgħarraf bid-deċiżjoni. L-ismijiet ta’ min jista’ jieħu post Pirlo huma magħrufa: Allegri, Zidane u Gattuso. Allegri, fil-verità, jidher qrib ħafna li jingħaqad ma’ Real Madrid minflok Zidane. Nafu li Juventus ilhom snin interessati f’Zidane bħala kowċ, ma nafux imma kemm Zidane lest jidħol għal proġett bħal dak Juventin li mistenni jara taqlib kbir fi ħdan it-tim. Gattuso, bħalissa, jidher li qed jinżel stand-by fl-eventwalità li jfallu n-negozjati ma’ Zidane jew Allegri.

Matthew Scerri

Beda jberraq għal Pirlo

Kif inhu inevitabbli f’każijiet bħal dawn, il-kowċ hu l-ewwel wieħed li jħallas għar-riżultati deludenti tat-tim. Pirlo s’issa dejjem wera kunfidenza kbira kull darba li saqsewh jekk kienx iħossu f’periklu li jitlef postu. Fi kliemu l-proġett tiegħu hu mifrux fuq numru ta’ snin. Kliem li fl-aħħar sentejn smajna lil Allegri u lil Sarri jgħidu kemm-il darba. Nafu imma kif marru l-affarijiet ma’ Allegri u Sarri. Il-gazzetti mhumiex jemmnu li Pirlo se jibqa’ kowċ ta’ Juventus. Qed isiru ħafna ismijiet, uħud minnhom ilhom jissemmew diversi snin (Inzaghi, pereżempju). Diversi gazzetti qed jaqblu li Agnelli jrid lil Zidane bħala kowċ tat-tim Juventin. Hemm anki min qed jikteb li jista’ jkun hemm ritorn ta’ Max Allegri, imma dan jidher pjuttost improbabbli f’dan l-istadju. Iż-żmien jgħidilna. Li hu ċert hu li Pirlo fadallu xahrejn biex juri x’jaf verament.

Matthew Scerri