Tgħid daret il-folja?

Kulmin jaf sew l-andament tas-suq tat-trasferimenti, jaf tajjeb li fis-sajf hu normali li wieħed jaqra minn kollox. Pereżempju, wara li għal jumejn qalulna li Juventus kellu ftehim ma’ Suarez, issa Il Corriere dello Sport qed isostni li finalment Suarez jista’ jibqa’ flimkien ma’ Messi ma’ Barcellona. Fi Spanja, però, qed jiċħdu din l-aħbar peress li Suarez se jitlaq lil Barcellona mhux minħabba l-problemi li għandu Messi, imma għax ma jridux Koeman. Min qiegħed jgħid il-verità u min qed jigdeb, ovvjament, ma nafux. Li hu ċert hu s’issa għad ma nafu xejn dwar jekk Suarez sabx ftehim ma’ Barcellona biex ixolji l-kuntratt tiegħu. Dan hu punt kruċjali għax, kif jifhem tajjeb kulħadd, Juventus bħalissa ma jaffordjawx li jagħtu paga għolja lill-plejer u jonfqu somma kbira biex jixtruh. Fi kliem ieħor, jekk Suarez ma jinħallx mill-kuntratt ma’ Barcellona, hu impossibbli li narawh ma’ Juventus. Mill-banda l-oħra, la darba Suarez ikun xolja l-kuntratt mal-Ispanjoli, hu evidenti li l-favoriti nett biex jiffirmawh huma Juventus. Nistennew u naraw!

Matthew Scerri