Tkompli l-gwerra tal-Uefa kontra Juventus, Real Madrid u Barcellona

L-Uefa ħabbret li bdiet il-proċeduri sabiex il-Bord tad-Dixxiplina fi ħdanha jinvestiga kienx hemm skur tar-regolamenti min-naħa ta’ Juventus, Real Madrid u Barcellona b’rabta mat-twaqqif tas-Super League. Nafu li qed jissemma li t-tliet klabbs jistgħu jitħallew barra mill-kompetizzjonijiet Ewropej għal sentejn. Jekk verament il-Bord tad-Dixxiplina jasal għal din il-konklużjoni, it-tliet klabbs se jappellaw u ċertament li t-Tribunal se jkun qed iwaqqaf din id-deċiżjoni sakemm tinqata’ sentenza fil-Qorti Ewropea. Fil-fatt hemm sentenza ta’ Qorti Spanjola li torbot idejn il-Uefa hekk kif stabbiliet li l-Uefa ma tistax twaqqaf inizjattivi min-naħa tal-klabbs u rriferiet il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. It-tliet klabbs lesti jiġġieldu lill-Uefa u qabbdu lill-Avukat Dupont (l-istess wieħed tas-sentenza Bosman u ta’ każijiet oħrajn magħrufa). L-għan finali tal-klabbs hu li l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea twaqqaf il-monopolju tal-Uefa.

Matthew Scerri