Turin fost l-ibliet li se jkunu milquta minn lockdown ġdid

Il-Gvern Taljan mistenni jħabbar lockdown f’diversi bliet Taljani hekk kif l-pajjiż jinsab mill-ġdid fi kriżi sanitarja qawwija minħabba ż-żieda sostanzjali ta’ każijiet ta’ Covid-19. Skont l-esperti l-Italja riesqa b’pass mgħaġġel lejn xenarju simili għal dak ta’ Marzu/April li għadda u għaldaqstant il-Gvern Taljan, bħalma ġara f’pajjiżi Ewropej oħra, qed jikkunsidra li jerġa’ jagħlaq kollox fl-ibliet l-aktar milquta. Probabbli l-lockdown se jolqot bliet bħal Turin, Milan, Ruma, Napli u Bologna. F’dan l-istadju għadu mhux magħruf l-impatt li l-lockdown jista’ jkollu fuq il-kampjonat tal-futbol tas-Serie A. Jista’ jagħti l-każ li l-futbol għalissa jkompli fl-Italja, għallinqas sakemm l-imxija tal-Covid-19 ma tilħaqx numri tant għolja ta’ persuni infettati li jkollu jieqaf kollox.

Matthew Scerri