Żmien għal bidla radikali?

Ilni ftit ma naqsam ftit ħsibijiet magħkom sħabi Juventini. Huwa mument pjuttost diffiċċli bħalissa li nesprimi ruħi imma minkejja kollox ser nipprova nikteb ftit affarijiet li qed jiġuni f’moħħi dwar x’ qed naħseb li jista’ jkun sejjer ħazin. Minkejja kollox, ġejna l-ewwel fil-grupp fiċ-Champions League fejn fil-grupp kien hemm il-holders attwali tat-titlu ta’ Champions Ewropej, Chelsea. Vera, irbaħna 5 logħbiet minn 6 u kien hemm mertu li spiċċajna l-ewwel fil-grupp – biss pero’ wieħed irid jara kienitx każwalita’ jew għax vera il-valuri fi kwalita’ ta’ logħob ġabna biex naslu l-ewwel fil-grupp. Jekk tqis l-ewwel 4 logħbiet tghid kien hemm mertu assolut. Pero’ ma tistax tgħid l-istess għall-aħħar 2 logħbiet meta f’loghba minnhom sfortunatament u b’dispjaċir kbir sibna it-tim tagħna jigi dominat minn Chelsea, fejn tlifna bi skor enormi ta’ 4-0, skor li hu umiljanti għalina l-Juventini. Ngħaddi ghall-logħba ma’ Malmoe li hija iktar riċenti fil-memorja tagħna. Hemm rajna kwantita’ industrijali ta’ episodji fejn spiċċajna f’posizzjoni idejali li nikkonkludu fil-lasta bla problemi u niskurjaw iktar biex issib li imbagħad tirbaħ b-1-0 fejn stajt easy irbaħt 4-0 jew 5-0. Bħalma ħafna jafuni jien pjuttost inkun ottimist ħafna fuq il-possibilitajiet tat-tim, biss f’din il-ġimgħa bejn il-logħba ma’ Malmoe u d-draw ferm diżappuntanti ma’ Venezia qed ikolli naqbel ma’ ħbieb Juventini oħra li kif inhuma l-affarijiet bħalissa, jidher biċ-ċar li hemm nuqqas ta’ kwalita’ enormi fl-iskwadra u jaf din ikollha konsegwenza serja fuq l-istaġun li jmiss, għax li ma tidħolx Champions League hija daqqa ta’ ħarta tremenda. Ibda biex, hemm in-nuqqas ta’ centreforward li kontinwament isib il-lasta u b’dan mhux nipretendi li Morata jiskurja 5 goals minn 5 chances imma tiskurja 1 minn 5 hija ratio baxx esaġerat għal centreforward. U f’din ma għandi xejn kontra il-player Morata assolutament. Imma l-fatti huma fatti u klabb bl-ambizzjonijiet tagħna jrid jaspira li jkollu centreforward jiffinaliżża mqar 3 minn 5 okkażjonijiet. Defiċjenza oħra hija n-nuqqas ta’ kwalita’ f’ nofs il-ground fejn minkejja li hemm Locatelli jipprova jtejjeb l-affarijiet, qiegħed wisq waħdu jipprova.


L-injuries kontinwi: ma nafx hijiex iktar sfortuna jew hijiex riżultat ta’ preparazzjoni atletika mhux ta’ livell xieraq. Għandu x’jaqsam ukoll il-fatt li l-kampjonat b’20 tim m’għadux prattikabbli u sinċerament la indunajt jien suppost indunaw esperti ferm iktar minni li l-plejers qed jilgħabu ferm iktar logħob milli jitħarrġu fiżikament għall-istess logħob. Din qalha ukoll Ancelotti. Bħalissa hemm Chiesa, Mc Kennie u issa żdied magħhom Dybala (reġa!) li huma kollha mweġġgħin. Kif ħafna jafu u ma niddejjaq xejn nammetti, Dybala huwa wieħed mill-players favoriti tiegħi. Biss pero’, meta għamilt żewġ riflessjonijiet wara l-logħba tal-bieraħ, qed nirrealiżża li l-Juventus innifisha għandiex tagħmel ħsieb tibbaża b’mod konkret it-tim fuqu. Dan qed ngħidu anki minħabba l-imbierek kuntratt li kont qed nispera ma insemmihx f’dan l-artiklu biex għalija jkun kwistjoni risolta u mhux pendenti. Imma qegħdin it-12 ta’ Diċembru u dan l-imbierek renewal ta’ kuntratt għadu ma seħħx. Biss għall-Juventus innifisha il-fatt li għadhom ma ntrabtux taf ma tfissirx disgrazzja! Fil-mument preżenti, għandu kemm għandu talent il-player, mhux denju li jissejjaħ l-istar player ta’ tim b’paga ta’ €10 miljuni, meta titfa fuq il-miżien kemm qed itik logħbiet kull staġun u nittama li l-plejer qiegħed jirrealiżża jew diġa irrealiżża dan il-fatt.


Se nagħlaq b’Allegri. Fuq Allegri għandi mixed feelings jien. Meta ġie lura biex inkun sinċier ma kontx imdejjaq għalkemm kont diżappuntat fuq kif ħelsu minn Pirlo li għalija minkejja deficit kbira ta’ esperjenza ta’ kowċ, għaraf iġib żewġ tazzi. Wieħed forsi hawn jghidli ‘imma kellu lil Ronaldo!’ Iva, imma minkejja li kellu lil Ronaldo, anke b’Ronaldo is-sena l-oħra ġieli ltaqa’ ma diffikultajiet kbar bħall-eliminazzjoni bikrija mal-Porto. Allegri, fl-opinjoni tiegħi u dal-ħsieb dejjem qed insaħħu, huwa manager tal-players eċċezzjonali (it-taljani jghiduha ottimo gestore) imma nitfa domanda hawn – kemm verament rajna skema ta’ logħob din is-sena b’moviment organiżżat tal-players u ideja ta’ logħob u mhux tispera li ssib il-Dybala u Chiesa in vena u jivvintawlek xi ħaġa u jrebbħuk il-logħba?
J’alla li sakemm niġi biex nikteb xi ħaġa oħra l-affarijet ikun għamlu pass il-quddiem. Nagħlaq fuq nota posittiva – fl-aħħar jidher li reġa għandna left full back ta’ stoffa – Luca Pellegrini.